F’Baku l-Ażerbaijan qed tittella’ l-ikbar laqgħa ambjentali fid-dinja, il-COP29, bis-summit li jsir kull sena taħt l-awspiċju tan-Nazzjonijiet Magħquda huwa l-uniku forum li jlaqqa’ l-pajjiżi kollha biex jiddiskutu u jieħdu deċiżjonijiet marbuta mal-ambjent u t-tibdil fil-klima.
Il-prijoritajiet tal-COP ta’ din is-sena huma t-tnaqqis tal-emissjonijiet, il-bini ta’ komunitajiet reżiljenti fir-rigward ambjentali, u l-assigurazzjoni li kull pajjiż għandu l-mezzi neċessarji sabiex jieħu azzjonijiet konkreti favur l-ambjent.
Id-diskussjonijiet se jiffukaw ukoll fuq il-pjanijiet nazzjonali dwar it-tibdil fil-klima magħrufa bħala NDC u li qed jiġu żviluppati minn kull pajjiż u preżentati is-sena d-dieħla u l-assigurazzjoni li d-dinja qed tilħaq il-mira li ma togħlhiex iktar minn 1.5 gradi Celsius.
Malta qed tiġi rappreżentata fl-Azerbaijan mill-Ministru għall-Ambjent, Miriam Dalli, li se tkun qed tindirizza bosta attivitajiet u laqgħat ta’ livell Ministerjali.
Fil-ftuħ tal-COP29, is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, Antonio Guterres, qal li l-2024 kienet lezzjoni dwar il-konsegwenzi tal-qerda ambjentali.
Huwa għamel referenza għall-postijiet mgħarrqa kawża t’għargħar, biodiversità mimsusa bl-ibħra maħmuġin, familji u komunitajiet jevakwaw minħabba l-urugani, u nies imutu kawża tas-sħana qawwija u n-nuqqas ta’ xita.