Il-Climate Action Authority (CAA) li twaqqfet biss ftit xhur ilu bħala l-ewwel awtorità tax-xorta tagħha fl-Unjoni Ewropea, qed tfassal Strateġija Nazzjonali ta’ Adattament għall-Klima bħala prijorità ewlenija fil-ħidma tagħha. Dan il-pjan se jkun fundamentali biex Malta tkun ippreparata għall-impatti dejjem jikbru tat-tibdil fil-klima bħal żieda fil-livell tal-baħar, mewġiet tas-sħana aktar frekwenti, u bidliet fil-mudelli tat-temp speċjalment f’dawk is-setturi l-iktar milquta.
L-importanza ta’ dan l-iżvilupp ġiet emfasizzata fir-rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditur Ġenerali, “Climate Change Adaptation”, li ddeskriva t-twaqqif tal-CAA bħala pass pożittiv u fil-ħin, u rrikonoxxa wkoll diversi inizjattivi b’effett pożittiv. Fl-istess ħin, ir-rapport jagħti rakkomandazzjonijiet siewja, fosthom dik li Malta għandha tidħol b’aktar forza fl-ippjanar għall-adattament klimatiku.
Il-CAA diġà bdiet tindirizza din ir-rakkomandazzjoni u fil-fatt kienet minn tal-ewwel li, qabel anke t-tħabbira ta’ qafas Ewropew ġdid, bdiet taħdem fuq strateġija adattata għall-kuntest nazzjonali. Dan jirrifletti impenn ċar biex il-pjan ta’ adattament ikun wieħed maħsub apposta għal Malta, bil-ħsieb li jidentifika setturi ewlenin, stima tal-impatt fuq l-ekonomija, u pjan ta’ azzjoni b’responsabbiltajiet ċari.
Dan il-pjan se jiġi mfassal b’konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet interessati kollha. Diġà bdew diskussjonijiet interministerjali mal-Koordinaturi tal-Azzjoni Klimatika, is-Segretarji Permanenti li għandhom rwol kruċjali fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-klima fis-setturi rispettivi tagħhom. Fil-ġimgħat li ġejjin, huma skedati wkoll laqgħat ma’ msieħba soċjali u s-soċjetà ċivili biex jitfassal pjan realistiku, inklussiv u fattibbli.
“Pjan bħal dan se jkollu impatt dirett fuq il-ħajja tan-nies, l-intraprizi taghna u fuq kemm Malta tkun ippreparata għall-isfidi klimatiċi li ġejjin. Għalhekk, għandu jkun bbażat fuq għarfien, parteċipazzjoni u viżjoni komuni. Il-fatt li diġa’ sar rapport dwar ir-riskju ta’ vulnerabbiltà biex iservi bħala bażi huwa dak li jpoġġi lil pajjiżna ma’ ta quddiem fit-tfassil ta’ din it-tip ta’ istrateġija,” qalet il-Kap Ezekuttiv għall-Awtorità, Abigail Cutajar.
Rigward l-isfida partikolarment serja taż-żieda fil-livell tal-baħar, il-CAA qed tmexxi wkoll b’inizjattivi reġjonali sabiex jinħolqu sinerġiji fost il-pajjiżi tal-Mediterran. Fil-fatt, aktar tard din is-sena Malta se tospita konferenza speċjali fuq dan is-suġġett, li se tiġbor flimkien pajjizi u mexxejja ewlenin fir-reġjun biex tfassal qbil komuni għal ħidma kollettiva fil-Mediterran għall-adattament għaż-żieda fil-livell tal-baħar. Il-ħidma kontinwa, il-konsultazzjoni effettiva, u t-tisħiħ tal-koordinazzjoni huma pilastri fundamentali għal politika ta’ adattament b’saħħitha. Malta qed tibgħat messaġġ ċar; ir-reżiljenza klimatika hija prijorità nazzjonali, u l-ħidma diġà bdiet.