Il-Kap Eżekuttiv tas-CAA, Inġ. Abigail Cutajar, taġġorna organizazzjonijiet internazzjonali dwar konferenza dwar il-klima f’Malta
In-Network Internazzjonali ta’ Kunsilli dwar il-Klima (ICCN) laqa’ fi ħdanu l-Climate Action Authority, biex l-awtorità Maltija u l-Kunsill tal-Klima issa huma membri ta’ din l-alleanza globali. Dan il-pass importanti għas-CAA jirrifletti l-impenn ta’ Malta għall-kooperazzjoni internazzjonali u l-bżonn ta’ politika bbażata fuq l-avvanzi tax-xjenza. Din l-aħbar kienet ikkonfermata waqt il-Climate Change Conference f’Londra.
Meta kienet qed tikkumenta dwar is-sħubija tal-awtorità fl-ICCN, il-Kap Eżekuttiv tas-CAA, l-Inġ Abigail Cutajar qalet kif din is-sħubija tinforza l-vuċi ta’ Malta f’netwerk internazzjonali importanti dwar il-klima.
“Li ngħaqadna mal-ICCN jimmarka pass importanti fl-impenn ta’ Malta lejn l-azzjoni dwar il-klima. Il-Climate Action Authority u l-Kunsill Nazzjonali għall-Azzjoni dwar il-Klima twaqqfu biex ikun hemm sinerġija bejn ix-xjena, il-politika u l-azzjoni biex nassiguraw li strateġiji bbażati fuq l-evidenza jitrażmetti ruħu fi progress fattwali. Inħarsu ‘l quddiem biex nikkontribwixxu bl-esperjenza tagħna, fejn nitgħallmu wkoll min kollegi globali u nsaħħu r-reżiljenza kollettiva,” qalet l-Inġinier Cutajar.
Fl-aħħar jiem il-Climate Action Authority ħadet sehem ukoll fil-Mediterranean Green Week organizzata mill-Unjoni għall-Mediterran fi Brussell. B’antiċipazzjoni għall-konferenza dwar il-klima li se ssir f’Malta f’Settembru li ġej, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika, Miriam Dalli, waslet messaġġ fejn stiednet lill-pajjiżi biex jipparteċipaw f’din il-konferenza importanti, li se tiddiskuti azzjonijiet biex tkun indirizzata ż-żieda fil-livell tal-baħar.
Il-Kap Eżekuttiv tas-CAA żiedet, “Il-konferenza dwar il-klima se ssir fi sfond ta’ inizzjattiva li Malta qed tieħu biex tħares il-kosta, il-biodiversità u l-komunitajiet kontra l-impatti tal-klima. Malta qed tadotta pożizzjoni proattiva, u din il-konferenza se tipprovdi pjattaforma biex naqsmu l-għarfien u nikkordinaw l-azzjoni.”