Skip to content

Eco-Schools 13th Young People’s Summit

March 11, 2025

Eco-Schools 13th Young People’s Summit

Il-Climate Action Authority hija determinata li tagħti vuċi b’saħħitha lit-tfal fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-inizjattivi tagħha. Dan kien messaġġ evidenti meta t-Tnejn filgħodu iktar minn 130 student inġabru għall-Eco-Schools 13th Young People’s Summit, inizjattiva li saret b’kollaborazzjoni bejn l-awtorità u Nature Trust FEE Malta.

L-istudenti li pparteċipaw jattendu skejjel differenti madwar il-pajjiż u ngħataw spazju biex jgħidu tagħhom dwar il-futur b’emfasi fuq l-ambjent u l-azzjoni klimatika. Il-ħsieb tal-Climate Action Authority issa hu li t-tant ideat u punti importanti diskussi dwar is-suġġett tal-bidla fil-klima, ma jispiċċawx għax intemmet l-attività. Minflok diġa’ beda x-xogħol biex ikun ippubblikat ktieb li proprju titlaq mill-ideat tal-istess tfal waqt l-istess attività. Il-pubblikazzjoni mhux biss għandha l-iskop li sservi bħala għodda edukattiva, iżda sservi wkoll ta’ messaġġ ċar li meta wieħed ikun determinat jista’ jasal biex jibdel l-affarijiet għall-aħjar. Dan il-ktieb eventwalment se jitqassam fl-iskejjel. Ir-rakkomandazzjonijiet mressqa mill-istudenti ser ikunu wkoll diskussi f’mozzjoni fil-parlament waqt id-dsatax -il seduta tal-EkoSkola Parliament li Nature Trust FEE Malta torganiżża kull sena taħt il-patroċinju tal-ispeaker Dr Anġlu Farrugia.

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika, Miriam Dalli u l-Ministru għall-Edukazzjoni l-Isport ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima ukoll ingħaqdu mal-istudenti f’sensiela ta’ workshops biex jisimgħu direttament l-ideat tal-istudenti u l-proposti tal-istudenti.

Il-Ministru Miriam Dalli spjegat kif waħda mill-għanijiet tal-Climate Action Authority hija li tagħti spazju lill-ideat tat-tfal biex dawn l-ideat isiru parti mill-policies tal-pajjiż. “Nintela b’kuraġġ u ottimiżmu meta nara l-attiviżmu ta’ tant tfal li jagħżlu li jagħtu mill-ħin tagħhom, inkluż fl-iskola, biex jaħdmu favur ambjent aħjar,” qalet il-Ministru Dalli.  Fissret il-bidliet li qed isiru f’diversi oqsma, inkluż is-settur tal-enerġija u dak ta’ proġetti ta’ spazji miftuħa, u filwaqt li qalet li dawn huma proġetti kbar u ambizzjużi hemm għażliet li nistgħu nagħmlu fil-ħajja ta’ kuljum li wkoll jistgħu jagħmlu d-differenza.

Il-Ministru Clifton Grima saħaq li, “Bħala pajjiż, għandna l-għarfien li t-tfal mhumiex biss il-futur tagħna, imma huma wkoll parti importanti mill-preżent li qed ngħixu. Smajna diversi studenti li ngħataw din l-opportunità permezz tal-EkoSkola sabiex jesprimu l-ħsibijiet tagħhom dwar l-ambjent, it-tibdil fil-klima, u dak li jixtiequ jaraw lil Malta twettaq biex ikunu jistgħu jgħixu f’soċjetà aħjar. Tajna din il-pjattaforma, li eventwalment se narawha fil-Parlament, fejn se nkunu qed niġbru l-ideat tat-tfal tagħna. Fuq kollox, se naħdmu biex dawn l-ideat jiġu implimentati.”

Inidirizzaw is-sessjoni wkoll, il-Kap Eżekuttiv tal-Climate Action Authority, Ing. Abigail Cutajar u s-sur Vincent Attard President ta’ Nature Trust FEE Malta.

Cutajar tenniet li l-istudenti, partikolarment dawk li jieħdu sehem fl-attivitajiet ta’ EkoSkola, huma meqjusa bħala msieħba importanti ħafna fix-xogħol li trid tagħmel l-Awtorità.

Vincent Attard ta’ Nature Trust FEE Malta qal “Il-programm EkoSkola kien sa mill-bidu intenzjonat biex jagħti vuċi lit-tfal. Ġie varat fi żmien fejn kien għad hemm l-idea li it-tfal għadhom żgħar wisq  biex jifhmu il-konsegwenzi tal-għażliet li nagħmlu kuljum. Illum, iktar minn għoxrin sena’ wara nistgħu nghidu li dan l-iskop mhux talli intlaħaq iżda mar oltre’. It-tfal ta’ EkoSkola mhux biss huma mħassbin imma għandhom soluzzjonijiet prattiċi li qed iwettquhom fl-iskejjel u l-komunitajiet fejn jgħixu. Din tal-llum hija okkażżjoni oħra fejn grazzi għal CAA erġajna laqqajna t-tfal ta’ etajiet differenti biex ikomplu jgħidulna x’qed iħassibhom u x’azzjonjiet hemm bżonn nieħdu. Nature Trust FEE Malta tħoss li huwa obbligu morali li it-tfal u żagħżagħ jkunu parteċipi fid-diskussjoni ladarba huma se jkunu affetwati bid-deċiżjonijiet li ser jittieħdu.

Intant, matul l-istess attività l-istudent Luke DeBono kien rikonoxxut għall-kisba li għamel meta f’kompetizzjoni internazzjonali Children’s Eye on Earth kiseb it-tielet post.

02 Newsletter

Join the way, and get
the latest updates.

Skip to content
Climate Action
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.