L-azzjoni dwar il-klima u s-sostenibbiltà se tkun parti ikbar mis-sistema u l-esperjenza edukattiva kemm b’inizjattivi marbuta mat-tagħlim, kif ukoll b’diversi azzjonijiet oħra li se jkunu qed jittieħdu fl-iskejjel. Dan il-pass ġie ssiġġilat fi ftehim bejn il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, il-Ministeru għall-Ambjent l-Enerġija u l-Indafa Pubblika, u l-Climate Action Authority. Il-ftehim kien iffirmat waqt il-Public Service Expo li qed issir fil-Malta Fairs and Conference Centre, f’Ta’ Qali.
Il-ftehim jipprovdi bażi biex għas-snin li ġejjin ikun hemm kollaborazzjoni effettiva bejn dawn il-partijiet bil-għan li fil-proċess edukattiv ikun hemm emfasi ikbar dwar it-tibdil fil-klima. Dawn l-inizjattivi se jingħaqdu mal-isforzi li qed isiru mill-pajjiż, fosthom bit-twaqqif tal-Climate Action Authority nnifisha li hi l-ewwel awtorità tax-xorta tagħha fl- Unjoni Ewropea.
Fost l-għanijiet li għandu dan il-ftehim hemm:
- Il-possibbiltà li suġġetti marbuta mat-tibdil fil-klima ikunu parti mill-kurrikulu edukattiv, dan dejjem b’rispett lejn il-frameworks u l-proċeduri fis-seħħ;
- L-investiment fit-taħriġ u l-għarfien tal-edukaturi dwar dan is-suġġett;
- Kampanji ta’ għarfien u attivitajiet li jinvolvu lit -tfal u ż-żgħażagħ fl-azzjoni dwar il-klima;
- Il-ħsieb li jiġu identifikati skejjel għall-implimentazzjoni ta’ proġetti u inizjattivi pilota ta’ sostenibbiltà u tranżizzjoni ambjentali;
- Proġetti ta’ riċerka;
- Inizjattivi u proġetti ambjentali mifruxa fl-iskejjel.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Climate Action Authority, l-Inġ Abigail Cutajar, iddeskrivit dan il-ftehim bħala ftehim importanti li qed jiżra ż-żerriegħa għal kollaborazzjoni li għandha ġġib differenza konkreta. “Biex tassew inkunu effettivi l-ħidma għall-azzjoni dwar il-klima jrid ikollha fiċ-ċentru tagħha t-tfal u ż-żgħażagħ, u għalhekk dan hu ftehim importanti. B’dan il-ftehim se nilħqu t-tfal u ż-żgħażagħ fil-post li jiffrekwentaw għal ħafna ħin. L-azzjoni klimatika, b’mod formali u informali, se tkun parti wkoll mill-esperjenza edukattiva li se tgħin biex ikollna ċittadini iktar konxji dwar l-esperjenza tat-tibdil fil-klima u kif ukoll iktar attivi. B’dan il-pass qed nuru wkoll li jekk irridu pajjiż u dinja aħjar, l-azzjoni klimatika mhix għażla ,” qalet l-Inġ Cutajar, filwaqt li kompliet tispjega li l-ftehim joffri wkoll bażi għal numru ta’ inizjattivi u proġetti fl-iskejjel li se jkunu wkoll qed jagħmlu differenza tanġibbli.
Minn naħa tiegħu s-Sur Matthew Vella, Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, spjega kif “dan il-ftehim jimmarka pass importanti ‘l quddiem biex nintegraw il-kuxjenza dwar il-bidla fil-klima fil-qalba tas-sistema edukattiva tagħha. Permezz ta’ din il-kollaborazzjoni qed nippreparaw ġenerezzjoni li mhux biss tifhem l-urġenza li naġixxu dwar il-klima, imma li lesta tkun fuq quddiem fl-azzjoni. Li ndaħlu l-għarfien dwar il-klima fil-kurrikulu huwa parti minn viżjoni għall-futur sostenibbli. Tirrifletti wkoll il-ħsieb strateġiku tagħna li s-sistema edukattiva tevolvi mar-realtajiet ta’ madwarna. L-azzjoni dwar il-klima mhix għażla, imma hija responsabbiltà. Permezz ta’ dan l-MOU is-settur edukattiv qed isaħħaħ l-impenn tiegħu għall-miri ta’ Malta lejn is-sostenibbiltà u għal soċjetà iktar ambjentalment konxja.”