“Sodisfatti li wara ġimagħtejn twal ta’ diskussjonijiet u negozjati, u wara li kien hemm il-biża’ li mhu se jintlaħaq l-ebda ftehim, sforz finali wassal biex jintlaħaq qbil bejn il-pajjiżi tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar inizjattivi globali li għandhom jindirizzaw l-azzjoni klimatika.”
Din kienet ir-reazzjoni tal-Ministru għall-Ambjent u l-Enerġija Miriam Dalli li kienet ukoll parti mit-tim ta’ negozjaturi għall-ftehim finali.
Dan il-ftehim ifisser li l-finanzjament lill-pajjiżi l-aktar vulnerabbli biex ikunu jistgħu jilqgħu għall-impatti tat-tibdil fil-klima ttrippla u minn $100 biljun fis-sena, issa tela’ għal $300 biljun sal-2035.
Il-Ministru Dalli qalet li “dan il-COP iffoka b’mod partikolari fuq il-finanzjament li għandu jingħata ta’ kull sena lill-pajjiżi l-aktar vulnerabbli biex jilqgħu għall-impatt tat-tibdil fil-klima. Malta kienet fost il-pajjiżi li nsistew li filwaqt li hemm bżonn ta’ aktar finanzjament, għandu jkun hemm aktar pajjiżi li jikkontribwixxu għal dan il-fond li għandu jkun magħmul sew minn fondi pubbliċi u anke mill-privat.”
Dwar id-dikjarazzjoni fuq il-mira globali fuq l-adattament, li tiegħu l-Ministru Miriam Dalli kienet negozjatur f’isem l-Unjoni Ewropea flimkien mal-ministru tal-Awstrija, intlaħaq ftehim li hu meqjus bħala pożizzjoni komuni li jħejji x-xogħol għax-xhur li ġejjin biex ikun hemm aktar diskussjonijiet fil-konferenza klimatika tas-sena d-dieħla fil-Brażil.